| Sebastjan twieled f’belt fin-naħa t’isfel ta’ Franza, bl-isem ta’ Narbona għas-sena 255 minn ġenituri probabilment minn Milan. Jingħad li l-familja ta’Sebastjan irritornat lura lejn pajjiżha, f’Milan ġewwa n-naħa ta’ fuq tal-Italja, meta Sebastjan kien għadu tifel żgħir.
Trabba u kiber b’għeruq insara tajba u b’eżempju dejjem tajjeb mill-familja tiegħu. Sar raġel ta’ karattru u valuri għonja ħafna.
Fl-armata Rumana
Ta’ 28 sena daħal fl-armata Rumana u ma damx ma mar lejn Ruma minn fejn kompla jikber fil-karriera militari tiegħu. F’dan iż-żmien l-Imperatur Dijoklezzjanu xeħet għajnejh fuqu għall-ħila u kapaċita tiegħu u ħatru kmandant tal-gwardja Pretorjana. Il-gwardja Pretorjana kienet responsabli mill-ħarsien ta’ ħajjet l-Imperatur.
|
|
|
F’kariga daqshekk ta’ prestiġju, Sebastjan baqa’ jaqdi dmiru tajjeb lejn l-Imperu imma wkoll baqa’ jħaddan u jgħallem it-tagħlim Nisrani u jxerred il-Kelma t’Alla. Meta l-insara kienu mjassra bil-persekuzzjoni, Sebastjan ħadem ħafna biex jagħti l-għajnuna meħtieġa. Fil-waqt li jagħmel ħafna kuraġġ lill-Insara, anke l’ dawk maqfula fil-ħabsijiet.
Leali f'xoghlu u lejn il-fidi Nisranija
Kienu ħafna li ħaddnu l-fidi bil-ħidma ta’ Sebastjan u sabu ruħhom
mixħuta l-ħabs. Bil-forza tal-kelma ta’ Sebastjan kienu bil-wisq dawk
l-insara li rċevew il-martirju biex propju ma jiċħdux il-Mulej.
Kien jibqa’ jmur iżur il-ħabsin fil-ħabs ta’ Nikostratu fejn barra
l-insara priġunieri kien hemm ħafna pagani ukoll li kkonvertew.
Bil-wisq kienu il-mirakli li wettaq Sebastjan f’isem il-Mulej. Fosthom
insibu dak ta’ Zoe, il-mara ta’ Nikostratu. Trankwillinu, missier
l-aħwa tewmin Marku u Marċellinu, ta’ Kromazju l-perfett ta’ Ruma,
tat-fajla, qaddejja ta’ Irene li kienet nieqsa mid-dawl u bosta aktar.
|
|
|
Sebastjan ma jichadx li hu Nisrani
Il-missjoni ta’ Sebastjan kellha tieqaf meta l-istess Imperatur sejjaħ lill Sebastjan quddiemu, u wara li kkonferma ma l-istess Sebastjan li huwa kien Nisrani, b’rabja kbira ordnalu l-mewt l-aktar kifra. Ordna li jintrabat ma’ siġra u hemm bil-mod il-mod, jiġu sparati l-vleġeġ waħda wara l-oħra biex joqtluh b’mewta kifra u fit-tul.
Wara li ġismu kien sar pjaga waħda u mitluq għal mejjet, l-armla nobbli ta’ San Kastulo, Irene marret biex tiġbru u tagħmillu d-difna dinjituża ta’ nisrani, iżda meta kienet hemm b’għaġeb kbir indunat li b’miraklu kbir Sebastjan baqa’ ħaj. Ħaditu ġewwa darha, fejn dewwitu u fejqitu.
Sebastjan beda jirpilja u meta ħassu li seta jkompli l-ħidma ma qatax qalbu u reġa’ mar il-palazz għand l-Imperatur. Malli lemħu l-Imperatur beża’ għax kif suppost ġara, Sebastjan kien mejjet u għalhekk ġħaseb li kien spirtu jew fantażma. Sebastjan assigurah li kien hu tad-demm u l-laħam.
Din id-darba meta l-Imperatur ġie f’tiegħu ordna li dak il ħin stess
Sebastjan jiġi msawwat għall-mewt bil-bsaten quddiemu stess sakemm
imut.
|
It-tieni martirju
Wara dan it-tieni martirju, il-qaddis Sebastjan ġie mixħut ġo
fossa qalb il-ħmieġ, l-iktar post baxx u moqżież fejn seta jinxteħet.
Fuq dehra li kellha t-twajba Luċina mill-istess qaddis ġie rivelat
lilha l-post eżatt fejn kien ġisem Sebastjan. Ġisem Sebastjan inġabar u
ġie trasportat f’post fejn seta jiġi meqjum mill-istess insara, minn
fejn wara ġie midfun b’difna xierqa u mistħoqqa.
Ezempju Haj
San Sebastjan huwa difensur tal-fidi Nisranija, huwa eżempju ħaj
għall kull wieħed minnha, huwa protettur ta’ ħafna.Ħafna jirrikorru
lejn San Sebastjan f’mumenti diffiċli biex jidħol għalina quddiem
il-Mulej.
San Sebastjan huwa magħruf ukoll bħala wieħed mill-protetturi kontra l-mard b’mod partikulari l-pesta.
|