Profil: Mons Salv Grima Print E-mail
Written by Administrator   
Mar 12, 2010 at 08:00 PM

Monsinjur Salv Grima magħruf bħala l-Fundatur  tad-Dar tal-Kleru u tal-‘Qaddejja taċ-Ċenaklu’ twieled fil-11 ta’ Diċembru 1909 fiż-Żejtun. Kien l-iżgħar fost sebat aħwa, erba’ subien u tlitt ibniet. Flimkien ma’ ħutu , huwa trabba b’għożża u mħabba minn ġenituri li għarfu jagħtu lil uliedhom trobbija nisranija. Meta kellu ftit anqas minn seba’ snin, tilef lil missieru, u ħuh il-kbir, Anġlu, li ħa x-xogħol ta’ kuntrattur tal-bini, ħa fuq spallejh ir-responsabilità tal-familja. Sa minn ċkunitu Salvinu kien tifel mistħi u riflessiv u aktar ma beda jikber aktar beda jħoss is-sejħa tas-saċerdozju. Iżda billi kellu ħuh diġà s-Seminarju, huwa staħa juri x-xewqa tiegħu lil ommu għax beża li jkun ta’ piż għall-familja li kienet sfat bla missier.

 

Kien għalhekk li meta kellu ħmistax-il sena applika biex jidħol it-tarzna bħala apprentist . Dam jaħdem it-tarzna għal sentejn, iżda x-xewqa tiegħu baqgħet dejjem li jsir saċerdot. Ġara li ħuh li kien is-Seminarju weġġa’ u minħabba li tilef id-dawl minn għajn waħda, ma setax ikompli bl-istudju tiegħu u kellu jħalli s-Seminarju. Kien wara li ġara dan li Salvinu wera  x-xewqa tiegħu li jsir saċerdot. Bil-għajnuna ta’ ħutu li laqgħu bil-ferħ id-deċiżjoni tiegħu, huwa seta’ jmur jistudja fl-Universita Gregorjana ta’ Ruma minn fejn ħa lawrja fil-filosofija, fit-teoloġija u l-liġi kanonika. Ġie ordnat saċerdot fit-23 ta’ Diċembru tal-1993 fl-età ta’ 24 sena.

 

Hekk kif ġie lura Malta, huwa ntefa’ b’ruħu u b’ġismu għas-servizz   tal-knisja fir-raħal tiegħu  taż-Żejtun, u kien igħaddi sigħat sħaħ iqarar fil-konfessinarju. Kien imur iqarar fil-knisja tal-Ispirtu s-Santu u kien konfessur u direttur spiritwali dedikat, u ħafna kienu jersqu għandu biex jiftħu qalbhom miegħu u jieħdu l-pariri siewja tiegħu. Dun Salv kellu devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija u l-adorazzjoni ewkaristika kienet wisq għal qalbu. Kien għalhekk li bil-permess tal-Isqof, huwa beda l-Adorazzjoni Perpetwa fil-knisja tal-Ispirtu s-Santu u biex żgur is-Sagrament ma jkun qatt waħdu matul il-ġurnata, waqqaf għaqda msejħa “Lampi Ħajjin” li l-imseħbin tagħha kienu jiffurmaw speċi ta’ katina ta’ aduraturi u adoratriċi billi jagħmlu nofs siegħa ta’ adorazzjoni f’ħinijiet differenti matul il-ġurnata kollha.  Huwa kien ikun l-ewwel wieħed li jagħmel sigħat sħaħ għarkubbtejh quddiem Ġesù Sagramentat. ‘Il quddiem, Dun Salv waqqaf ukoll adorazzjoni matul il-lejl għall-qdusija tas-saċerdoti li għadha ħajja sallum.

 

Huwa kellu ukoll imħabba u devozzjoni kbira lejn il-Madonna u fiż-Żejtun kien jorganizza pellegrinaġġ bl-istatwa tagħha, Katina tar-Rużarju u ġimgħa Marjana.  Kellu wkoll imħabba speċjali lejn il-morda u kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar kont tarah sejjer iqarbinhom fi djarhom.

 

Fis-sena 1930, Dun Salv inħatar Professur tal-Filosofija fl-Universita ta’ Malta u matul is-snin li dam Professur, huwa kien id-Direttur Spiritwali tal- University Students, Catholic Guild. Iżda fuq parir li kienet tagħtu Konċetta Galea superjura tal-Museum li kienet refuġjata fiż- Żejtun, mara ta’ spiritwalita’ u qdusija kbira, huwa ħalla l- Universita’ wara għaxar snin biss.  Din kienet urietu li postu ma kienx fl-Universita’ iżda f’ħajja ddedikata għall-qdusija ta’ ħutu l-bnedmin b’mod speċjali fis-Seminarju, bħala xhieda ħajja tal-imħabba u d-dedikazzjoni kbira li kellu lejn is-saċerdoti sħabu, bil-għajnuna ta’ żewġ ħutu, huwa ħa ħsieb jibni dar għas-saċerdoti biex isservi bħala Dar tal-Irtiri għall-Kleru kif ukoll għas-saċerdoti morda, anzjani u li jisfaw waħidhom mingħajr familja.  Din id-dar li ġġib l-isem ta’ Kristu Saċerdot, infetħet fit- 8 ta’ Mejju tal-1964 fi Fleur-de-Lys.  Huwa waqqaf ukoll għaqda ta’ xebbiet ikkonsagrati lil Alla msejħin “Qaddejja taċ-Ċenaklu” bl-iskop li jduru bis-saċerdoti li jirtiraw f’din id-dar.

 

Wara li Monsinjur Salv Grima kien għadu kemm iċċelebra l-ħamsin anniversarju tas-saċerdozzju  tiegħu, marad marda li huwa aċċetta bir-rassenjazzjoni u li fl-aħħar xhur ta’ ħajtu ċaħditu mill-iktar ħaġa għażiża li kellu, li jiċċelebra l-Ewkaristija.  Huwa miet fis-27 ta’ Jannar 1990 fl-eta’ ta’ 81 sena.  Fl-omelija tal-funeral tiegħu, Mons. Arċisqof emeritus Ġużeppi Merċieċa bir-raġun sejjaħlu “Il- missier twajjeb tas-saċerdoti.

 

Din l-informazzjoni hi miġbura mill-Kanonku John Charlo fil-ktejjeb 'Il-Frott Tagħhom Jibqa'.

 


English Standard Version Bible Daily Verse
  • Ephesians 2:8-9
    For by grace you have been saved through faith. And this is not your own doing; it is the gift of God, not a result of works, so that no one may boast.